Il-Victoria Lines

Il-proġett il-ġdid imsejjaħ North West Front ġie approvat mill-Kunsill tad-Difiża u ngħata bidu għal-bini tiegħu fl-1875. L-ewwel intgħażlu l-aktar tliet postijiet fl-għoli u strateġiċi u nbnew fuqhom tliet fortijiet: Binġemma, il-Mosta u l-Madliena. L-inħawi tal-Imġarr kien għadhom m’humiex imħarsa biżżejjed u għalhekk fl-1881 tħaffer foss twil u kbir fin-naħa tad-Dwejra msejjaħ Dwejra Lines. Sa dan it-tant il-Militar ħa ħsieb jibni ħajt milqugħ bit-trunċieri li jgħaqqad it-tlett fortijiet il-kbar; minn wara din il-ħajt b’saħħtu setgħu jgħassu u jisparaw is-suldati waqt li jibqgħu fiż-żgur minħabba l-irdumijiet ta’ taħthom. Inbniet ukoll fortizza oħra f’Pembroke ftit aktar lura mill-Madliena biex tgħaqqad id-difiża sal-baħar. Fis-sena tal-Ġublew tad-Djamanti tar-Reġina Victoria, din il-linja ta’ difiża ssemmiet Victoria Lines biex tfakkar il-ġrajja.

F’Mejju tal-1890 saru manuvri militari biex jippruvaw is-saħħa ta’ dawn il-fortifikazzjonijiet u nstab li mill-fortizza ta’ Binġemma sal-baħar ta’ Fomm ir-Riħ kienu dgħajfa.  Kien deċiż li tinbena fortifikazzjoni oħra fuq ir-riħ ta’ Fomm ir-Riħ ħalli tħares u tgħasses dawk l-irziezet u n-naħa kollha tal-baħar. Hekk, l-Imġarr, bil-limiti kollha tiegħu, ġie mgħasses u mħares mit-torrijiet li kienu għadhom wieqfa u mill-fortizza ta’ Binġemma. Wieqfa fil-għoli mibnija fuq blat żonqri u rdum li jbeżżgħek il-fortizza mgħammra b’kanun mill-akbar saret qisha ljun kbir u twajjeb jitpaxxa ferħan bir-raħal ckejken ta’ taħtu u fl-istess ħin jgħassu minn kull ħbit barrani.

Għall-Imġarrin din il-fortizza hija biċċa minn ħajjithom; tista’ taraha minn kull triq u meta tħares lejha mkabbra bi sbuħitha tħossok qrib ta’ xi pajjiż kbir. Inbniet bejn l-1875 u l-1887. Hija mħarsa tajjeb mit-tramuntana bl-irdumijiet fondi u min-nofsinhar b’foss maqtugħ fil-blat biex iħarisha minn xi ħbit għall-għarrieda. It-torri tagħha tal-għassa huwa f’għamla ta’ djamant milqugħ tajjeb minn foss ieħor imħares minn tliet għases.  Id-daħla moħbija hija mibnija fuq pont li jista’ jintrefa’ bil-ktajjen. Sitt postijiet tal-għassa jħarsu l-fortizza kollha. Kellha post għal żewġ kanuni kbar li ma jidhrix minn barra. Tlestew żewg postijiet oħra għal kanuni akbar iżda milli jidher dawn qatt ma tpoġġew fuq il-post. Inbidel biss wieħed mill-kanuni b’kanun mill-kbar. Fil-manuvri, meta ġie sparat il-kanun il-kbir, id-djar ta’ l-Imġarr qew imwissija biex iħallu it-twieqi miftuħin minħabba l-biża’ li jista’ jinkiser il-ħġieġ. Mal-isparatura tiegħu triegħed l-Imġarr kollu, u għalkemm in-nies beżgħu ħafna, kulħadd ħass ruħu li hu mħares tajjeb.

Matul l-aħħar gwerra dinjija (1940-1943) fuq il-għolja tan-Nadur intramat fortizza oħra b’ħames kanuni kbar kontra l-ajruplani. Is-suldati tagħha ħadmu bis-sħiħ u meta l-fortizza ġiet attakkata mill-Ġermaniżi ħelsuha ħafif mill-mewt. Waħda mill-bombi li splodiet mas-sebħ, ħafna ħin wara li laqtet il-fortizza, tajret wieħed mill-kanuni u ħalliet xi suldati midruba.

F’ħafna postijiet mad-dawra tal-Imġarr intramaw beach-posts u land-posts b’kanuni żgħar, mill-bqija kienu armati sewwa d-Dwejra Lines, il-Qortin u Għajn Tuffieħa u mad-dawra tar-raħal kollu, speċjalment minn naħa tal-baħar.  Ir-raħal kollu kien imdawwar bi xbieki għoljin tal-barbed-wire bħala lqugħ kontra xi nżul ta’ suldati tal-għadu mill-baħar.  Fuq xifer il-għolja Tar-Ragħad u l-Isqorba nbena post għal search-light biex jgħin id-difiża matul il-lejl. Dan kien mgħasses tajjeb minn kanuni żgħar. Flimkien ma’ postijiet oħra bħalu, mibnijin fuq Fomm ir-Riħ u bejn Għajn Tuffieħa u l-Wardija, kienu joħolqu xibka ta’ dwal hekk li ma kien jaħarbilhom ebda ajruplan tal-għadu.