Churches & Chapels

Santa Marija – Knisja Parrokjali

Wara li l-Imġarrin kisbu dak li kienu ilhom jitħabtu għalih – li raħalhom isir parroċċa- waħluha f’rashom li issa għandu jkollhom knisja akbar u isbaħ. Ma’ din ix- xewqa kbira l-poplu kotor bis-shiħ u dan kompla żied il-ħtieġa li l-ħolma tagħhom isseħħ. Bit-tħabbrik tal-Kappillan Dun Ġlormu Chetcuti bdew jinġabru l-flus u fit-2 ta’ Ġunju, 1912 tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-knisja ġdida u ġiet imbierka mill-Vigarju Ġenerali Mons. Lwiġi Attard. Sa ma kien għadu kappillan tar-raħal Dun Ġlormu Chetcuti telgħet l-ewwel ordni u meta laħaq Kanonku tal-Kattidral fit-30 ta’ Ġunju, 1930, u sar minfloku Dun Edgar Salamone, fl-4 ta’ April 1931, ix-xogħol ħa qabża f’daqqa. Dun Ġlormu fil-possibilita tiegħu kien għamel ħafna xogħol – xtara artijiet fejn kellha tinbena l-Knisja, lesta l-ewwel ordni u saqqaf biċċa mill-knisja biex ikun jista’ jsir il-quddies.

Din il-Knisja nbniet madwar l-oħra l-qadima bil-ħsieb li meta titlesta l-ġdida tinħatt il-qadima u hekk tagħti wisgħa lil dan it-tempju sabiħ. Il-parroċċa l-qadima ta’ Santa Marija nħattet fl-1918. Il-pjanta ħażżiżha l-imgħallem Ġamri Camilleri mill-Mosta li f’idejh kien fdat ix-xogħol tagħha u flimkien mal-bennej Indri Deguara saqqfu s-sagristija u l-kappelli ta’ ġewwa. Il-bini ta’ din il-Knisja sar f’din l-Ordni – bena l-ewwel ordni Ċensu Galea ‘ ta Tula’ mill-Mosta. Billi l-ebda perit ma ried iħożż il-koppla ovali, l-imgħallem il-ġdid Ġiomaria Camilleri “s-Saqqafi” mill-Mġarr, flimkien mas-Surmast tar-raħal Ġanni A. Cilia, ħażż il-pjanta tal-koppla. Ġiomaria bena t-tieni ordni u l-koppla. Wara l-gwerra bena l-lanterna u l-quċċata tal-kampnari fuq id-disinn tal-Kav. Ġiuseppi Damato. F’din il-knisja ħadmu mgħallmin differenti sakemm wassluha għal tmiemha. Għalkemm kien jonqosha xi ħwejjeġ żgħar biex tkun lesta, fit-13 ta’ Awwissu 1939, Mons. Ġlormu Chetcuti, bħala delegat tal-Arċisqof Dun Mauro Caruana, berikha b’solennita kbira. Sa dak il-jum din il-knisja swiet mal-Lm 10,851. Matul il-gwerra milli jidher ix-xogħol waqaf iżda l-ġbir baqa’ sejjer u nkisbu Lm 4,000 oħra u fis-26 ta’ Frar 1946, reġgħu bdew jaħdmu u hekk temmewha għal kollox. Minbarra dawn il-flus li nġabru biex tela’ dan it-tempju sabiħ l-Imġarrin għenu billi middew idejhom għax-xogħol kif ukoll billi taw bosta bajd u ċluf kbar ta’ annimali u frottijiet biex minnhom tinġabar is-somma meħtieġa, u ġarr ta’ ġebel b’xejn.

Il-Knisja għandha għamla aktarx żengulija taqleb kemmxejn għat-tond. It-tul minn ġewwa huwa ta 85 pied u l-wisgħa hu ta 56 pied. Meta titkejjel mill-kappelluni nsibu fiha 120 pied tul fuq 86 oħra wiesgħa. Il-koppla hi għolja 45 pied. Hija għandha 7 artali. Fil-ġenb tagħha għandha żewġ kampnari u erbat iqniepen. Waħda minnhom ġabru għaliha x-xebbiet taċ-Ċirklu Santa Tereżina u l-oħra minn benefatturi differenti- dawn tbierku u tqiegħdu fl-1 ta’ Settembru 1935 mill-Kappillan Salomone. Żewġ qniepen oħra żżanżnu fl-1999, waħda minnhom bl-isem ta’ “Johannes Maria” ingħatat minn Manwela Vassallo filwaqt li l-oħra bl-isem ta’ “Maria Bambina” ġiet mogħtija mill-koppja Victor u Guzeppa Vassallo.

Fil-Knisja parrokjali tal-Imġarr nsibu bosta xogħlijiet tal-arti. Il-Lunetta tal-Mużajk, li turi l-Madonna, meħudha minn ta’ Guido Reni, mogħtija mill-Kappillan Salomone u tbierket mill-Arċisqof Gonżi, fit-13 ta’ Awissu, 1945. Dawn il-kwadri li ġejjin flimkien ma skultura u oġġetti oħra ġew mogħtija minn benefatturi differenti lil din il-Knisja.

Il-Kwadri li juru l-Madonna tar-Rużarju, lil San Ġużepp, il-Madonna ta’ l-Isperanża, Kristu Msallab, l-ieħor ta’ San Ġwakkin, kollha saru mill-pittur Ramiro Cali’. Ma dawn insibu oħrajn li huma l-Patruni ta’ Malta li hu xogħol Guido Cali’. Il-kwadru titulari kien pinġieħ Lazzru Pisani. Fis-sena 2000 izzanzan lampier ta’ kobor straordinarju mogħti lill-Knisja mill-benefattrici Carrie Vella. Din l-opra tal-fidda tiżen 35 kilogramma.

Fil-Knisja insibu bosta statwi sbieħ. Fosthom insibu l-Istatwa titulati Maria Mtellgħa s-Sema nġiebet minn Marsiglia, Franza; Santa Tereża u Santa Rita minn Ruma; San Ġwann Evanġelista ħadimha Wistin Camilleri minn Għawdex; s-Salib tal-Eżerċizzji maħduma minn artist mhux magħruf; l-istatwa tad-Duluri nġiebet minn Lecce, l-Italja, il-Madonna ta’ Fatima nġiebet minn Ruma, ir-Redentur ġie maħdum minn James Azzopardi, Għawdxi u l-istatwi ta’ madwar il-Knisja huma xogħol ta’ artist minn Ħaż-Żebbuġ.

Il-qiegħa tal-presbiterju u tal-kor u t-taraġ tal-presbiterju huma xogħol Sare’ Brothers fuq disinn, ta’ Ġanni A. Cilia.

Santa Marija – Il- Parroċċa l-Qadima

Sa minn żmien bikri l-Imġarr kien jagħmel ma’ bosta parroċċi. Fil-bidu kellha ġurisdizzjoni fuqha l-Mdina, mbagħad il-Mellieħa u n-Naxxar.  In-nies ta’ l-Mġarr kienu ilhom iħossu li, laladarba f’raħalhom kellhom żewg knejjes sbieħ u poplu biżżejjed biex iżommu Kappillan, m’għandhomx jibqgħu jagħmlu ma’ rħula oħra. Raġuni oħra siewja kienet li għall-Mosta kellhom ‘il bogħod f’każ ta’ neċessita. Għalhekk huma talbu lill-Isqof sabiex il-knisja ewlenija tagħhom li kienet dik ta’ Santa Marija jagħmilha parroċċa.

Din il-Knisja ta’ Santa Maria kellha l-bidu tagħha fl-1400, u Anġlu Vaccaro fl-1487 waqqafha benefiċjali. Minħabba li kienet waslet fi stat ħażin u kienet għoddha waqgħet, ġiet imsewwija fl-1600, iżda fl-1918 waqqgħuha għal kollox. F’din il-Knisja Lazzaru Pisani pinġa l-kwadru ta’ Santa Marija li llum jinsab fis-Sagristija tal-parroċċa.

Knejjes li m’għadhomx jeżistu

Mons. Dun Alwig Deguara jagħtina dan it-tagħrif dwar knejjes fl-Imġarr li m’għadhomx jeżistu: –

Knisja ta’ San PietruQrib Binġemma kien hemm il-Knisja ddedikata lil San Pietru li kienet issemmiet fil-Vista Pastorali tal-Isqof Molina, fl-1678.  Għalkemm kienet ġiet imsemmija mill-Isqof  Molina, dan sabha li kienet ilha mwaqqa’ mal-mitt sena qabel. Hija kienet mogħnija b’benefiċċju ta’ ġustpatronat mwaqqaf mill-familja Ferriolo.

Knisja ta’ Santa Marija tażŻebbiegħ – Sa l-1636, kienet għadha wieqfa fuq riġlejha l-Knisja ta’ Santa Marija fis-“Sebbach”. Vincenzo Cumbo kien obbligat jieħu ħsieb iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ xi quddies matul is-sena. Din il-Knisja żgħira kienet nieqsa wisq minn ċerti bżonnijiet, għalhekk l-Isqof Balaguer ordna li l-bieb tagħha jingħalaq u li ma tiġix meqjusa aktar bħala post mbierek.

Knisja ta’ San Mikiel Arkanġlu Ftit l’isfel mill-għoljiet ta’ Binġemma, qabel ma titla’ għar-Rabat minn Wied Gerżuma kien hemm knisja magħrufa bħala l-Knisja ta’ San Mikiel Arkanġlu, għalkemm il-Kwadru tagħha kien juri t-Twelid ta’ Ġesu`. Fl-1636, l-Isqof Balaguer fil-vista tiegħu, sab li din il-Knisja kienet abbandunata. Huwa ordna li terġa’ tingħata kura.  Fl-1656 l-istess Isqof sabha li ġiet abbandunata għal kollox u għalhekk ordna li tiġi magħluqha

Il-Kappella tas-Santi

Il-Knisja fl-inħawi magħrufa bħala tas-Santi, kellha bieb iħares lejn il-punent u kellha wesgħa quddiemha mdawra b’ħajt għal ċimiterju żgħir. Kont tidhol il-knisja billi tinżel żewġ tarġiet. Il-Knisja kellha artal tal-ġebel bil-ventrartal tad-drapp qadim, fuqu kellu żewġ trieħi, żewġ gandlieri tal-injam; kellu kwadru tat-tila bil-pittura tat-Twelid ta’ Sidna Gesu` Kristu, San Mikiel Arkanġlu u San Lawrenz.  L-artal kien taħt tribuna u kellu tliet tarġiet. Minħabba li t-tarġa ta’ fuq kienet dejqa biex wieħed joqgħod għarkubbtejh, is-Sinjur Lazzaro Hagius, devot tal-Knisja u benefattur tagħha għax kienet mibnija fir-raba’ tiegħu, ġie mitlub biex iwessa’ t-tarġa, u jdendel lampier biex jinxtegħel kull nhar ta’ Sibt mill-bdiewa li joqgħodu fil-qrib. Il-knisja kellha bank tal-ġebel mad-dawra u kellha artal ieħor żgħir maġenb l-artal principali. L-istess Hagius ġie mwissi biex ineħħi dan l-artal iż-żgħir. Il-benefattur gie mwissi wkoll biex iqiegħed salib tal-injam fuq l-artal u biex jiċċelebra l-festa bl-għasar u bil-quddiesa.

Il-Kappella ta’ Bingemma

F’Binġemma tinsab knisja benefiċjali li ġiet mibnija fis-seklu sbatax fuq l-irdum fuq l-oqbra Rumani. Din il-knisja żgħira mibnija taħt il-għolja fuq ir-riħ tal-ġnien ta’ Binġemma tal-werrieta ta’ Gio Maria Xara kienet iddedikata lil B. Marija Vergni ta’ Itria (Hodegitria fil-Grecja).  Il-bieb tagħha kien iħares lejn in-nofsinhar, kellha ċimiterju żgħir quddiemha li kien mizmum tajjeb; kont tidhol għalih b’erba tarġiet  tal-ġebel. Kellha artal tal-ġebel mastizz u fuqu kellu kwadru mpinġi fuq it-tila bix-xbieha tal-Madonna ta’ Konstantinopli. L-artal kellu żewġ trieħi, imma kien nieqes minn kollox; fuq il-lemin kien hemm armarju biex jitqiegħdu fih l-impolluzzi. Il-knisja jienet mdawla minn żewg twieqi, waħda fuq il-bieb u l-oħra fuq l-artal; l-art kienet tajba ħafna. Fuq il-bejt kellha qanpiena tal-bronż. Il-festa kienet issir bil-kant tal-għasar u bil-quddiesa kantata fit-tielet Ħadd wara l-Għid il-Ħamsin.