Is-Santi

L-irziezet tas-Santi jissejħu hekk: minn isem ta’ xitla, li ssir siġra, li kienet tikber f’dawk l-inħawi.  Xi uħud mill-kittieba jgħidu li dik l-art kienet propjeta` tal-Gran Mastru tal-Ordni li kien ġej mill-familja Sommatino u ħadet isimha mill-isem tal-familja.  F’dawn l-irziezet li nbnew matul is-snin hemm l-armi ta’ Gran Mastri differenti, fosthom Alof de Wignacourt (1601-1620), Adrian de Wignacourt (1690–1697), Manuel de Vilhena (1722–1736) u De Rohan (1775–1797). Dawn setgħu nbnew biex il-bdiewa jkollhom fejn jgħixu aħjar u hekk ma jitħajrux imorru lejn in-naħa tal-Port il-Kbir kif kienu jagħmlu ħafna minnhom li telqu x-xogħol tar-raba` għax ma kienx fih qligħ biżżejjed għall-għajxien. Setgħu nbnew ukoll biex il-kavallieri jkollhom post imrawwem tajjeb għall-kaċċa.  Jidher, imma, mill-għamla tagħhom li kienu jservu għan-nies u għall-annimali tagħhom.  F’wieħed minn dawn l-irziezet hemm għorfa kbira ħafna li, skont xi nies xjuħ ħafna, kienet isservi ta’ kappella u kien isir il-quddies fiha.  Din setgħet ħadet il-post tal-kappella l-qadima tas-Santi.

 ‘Il fuq mill-irziezet hemm għajn, mibnija mill-Ingliżi fl-ewwel snin li fihom bnew il-fortizza, u li tilqa` l-ilma ġieri.  Din kienet isservi biex jaħslu l-ħwejjeġ fiha u l-aktar biex jixorbu l-bhejjem li jkunu telgħin jew niżlin mat-telgħa. Il-bdiewa tal-post kienu joħorġu l-barrin biex jisquhom minnha. Karmnu Lelflufett kien weħel ċitazzjoni għax ħareġ il-barrin mhux marbutin; imma l-imħallef, meta raħ ġuvni żagħzugħ ta’ sittax-il sena ħafirlu.