L-Oqbra ta’ Skorba

Ftit metri l-bogħod mit-tempju u l-villaġġ ta’ Skorba jinstab sit ieħor żgħir li ma tantx hu magħruf minn nies li mhumiex tal-post. Dan jikkonsisti f’numru ta’ oqbra imqattgħin ġewwa faċċata ta’ barriera. Peress li l-barriera llum tintuża bħala għalqa mhux possibli jiġi aċċertat liema bejn il-barriera u l-oqbra ġew l-ewwel. Mill-marki li għadhom jidhru, jidher li l-barriera tista’ tkun waħda Klassika, jiġifieri Rumana jew ftit qabel. Jidher li l-oqbra jistgħu jkunu ta’ l-eta` Klassika wkoll imma fl-istat li jinsabu bħalissa mhux possibli li wieħed jagħmel studji ċari biex jaċċerta jekk dawn kienux preżenti qabel ma tħaffret il barriera. Jekk dan huwa l-każ, dan ifisser li l-fossa ta’ kull qabar intilfet meta beda t-tqattih għall-ġebel. Possibilita` oħra hija dik li l-oqbra tħaffru wara li l-barriera ġiet abbandunata. Każijiet simili ta’ oqbra u katakombi imħaffra ġo barrieri huma magħrufa f’Malta, bl-iktar eżempju ċar ikun dak tal-katakombi tas-Salina.

Sfortunatament din tista’ tiġi ċċarata biss permezz ta’ skav xjentifiku li jistudja kemm xi fdalijiet li jista` jkun fadal fil-barriera u fl-oqbra kif ukoll il marki tal-għodda li għadhom jidhru mal-faċċata fejn hemm imħaffra l-oqbra. 

Jeremy Azzopardi