Iż-Żona taż-Żebbiegħ

Iż-żona madwar il-knisja taż-Żebbiegħ hija waħda fertili ħafna fejn tidħol l-arkeoloġija partikolarment iż-żoni mal-Lbiċ u Lvant tal-istess knisja. L-aktar żona b’densita’ ta’ fdalijiet hija l-għalqa fl-Ilbiċ tal-knisja, eżatt quddiem il-Ġnien ta’ Skorba. Din l-għalqa fiha mill-inqas erba` oqbra imqattgħin fil-blat. Għalkemm dawn l-oqbra huma dejjem magħmula minn fossa rettangolari u kamra tad-dfin, l-għamla hija kompletament differenti  minn dawk li nstagħbu ġewwa tar-Ragħad u għaldaqstant jippuntaw lejn perjodu ta’ użu differenti. L-akbar differenza hija fil-fossa. Mentri il-fossa tal-oqbra tar- Ragħad kienet pjuttost wiesgħa u b’turġien tul il-wisa` kollha jew fuq naħa minnhom, dawn li jinstagħbu iż-Żebbiegħ għandhom fossa dejqa ħafna, kemm kemm jgħaddi bniedem, u fonda ħafna iktar minn dawk li rajna qabel. M’hemm l-ebda ħjiel ta’ taraġ imma f’xi każijiet hemm dawk li jissejħu ‘foot holes’; toqob żgħar fil-ġenb tal-fossa li kienu jintużaw bħala sellum.

Tlieta minn dawn l-oqbra huma imħaffrin f’żona fil-Lvant ta’ l-għalqa. Ir-raba` wieħed qiegħed fit-tarf tal-Punent. M’għandna l-ebda informazzjoni fuq meta nstabu dawn l-oqbra. L-anqas għandna ħjiel ta’ meta setgħu ġew imnaddfa jew skavati u wisq inqas fuq x’materjal instab. Dan tal-aħħar huwa kruċjali biex jiġi identifikat il-perjodu tal-użu tal-oqbra. Li nafu hu li l-qabar li hemm fil-Punent ta’ l-għalqa kien jidher meta fiż-żona bdiet topera barriera żgħira, li filfatt daret madwaru mingħajr ma missithu. Xi ħaġa mhux normali fl-istorja tas-siti Maltin.

Il-barriera tokkupa żona żgħira fil-Punent tal-għalqa u mhux magħruf meta bdiet u waqqfet topera. Id-datazzjoni ta’ barrieri f’Malta huwa process difficli mingħajr dokumenti oħra. Dan għaliex il-proċess li bih kienet tinqata’ il-ġebla f’Malta baqa` l-istess minn żmien il-Feniċi sa zmien ta’ wara it-Tieni Gwerra Dinjija. Dan il-proċess kien jinvolvi it-tqattih ta’ kanal wiesgħa xi 10cm li kien jimmarka d-daqs tal-ġebla li riedet tinqata`. Wara dan kienu jiġu msammra spnajjar tal-ħadid (speċi ta’ kunjardi) imqiegħda bejn żewġ ċapep taċ-ċomb mal-linja tal-bażi tal-blokka. Il-wisa` dejjem tikber tal-ispnajjar kienet eventwalment tfaqqa’ l-blokka fuq linja orizzontali waħda u l-ġebla kienet umbad tista` tiġi użata u maqluha. Dan il-proċess, flimkien mat-tip ta’ ġebla Maltija, kien jipproduċi blokki maqtugħin relattivament dritti mil-bidu li mbagħad kien ikollom bżonn biss ta’ naqa tnaġġir. Fiż-żmien iktar remot flok spnajjar tal-ħadid seta’ kien jintuża injam li kien jixxarrab u jifqa` l-ġebla meta jismen imma spnajjar tal-metall instabu f’diversi barrieri Rumani barra mill-gżira. Dan il-proċess baqa` jintuża sa wara t-Tieni Gwerra Dinjija, meta daħlu l-ewwel segi u inġenji elettriċi. B’hekk, sakemm wieħed ma jiskavax u jsib fdalijiet taċ-ċaqquf u materjal databli ieħor, l-uniku mod kif wieħed jiddata barriera huwa bid-daqs tal-ġebla maqtuha. Il-ġebel li fadal hawn jindika li din il-barriera mhiliex hawn xi żmien twil u kienet possibilment topera fl-aħħar tas-seklu dstax u l-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. Filfatt, għalkemm id-daqs tal-ġebla huwa kemxejn ikbar mid-daqs tal-ġebla li normalment jintuża għall-bini, huwa ta’ daqs li jintuża spiss fl-Imġarr.

Din iż-żona fiha ukoll numru ta’ raddi (ruts) fil-viċinanzi immedjati tal-barriera. Għalkemm ħafna drabi nassoċjaw dawn ir-raddi ma barrieri fil-viċin, m’hemm l-ebda konnesjoni bejn ir-raddi u l-barriera ta’ din iż-żona. Fil-fatt il-barriera taqta’ lil dawn ir-raddi, li jidhru jkomplu fuq ir-rotta oriġinali li kienu jsegwu ferm qabel ma bdiet topera l-barriera.

Reċentament, xi xogħolijiet ta’ kostruzzjoni fl-Ilvant tal-Knisja kixfu numru ta’ fdalijiet arkeoloġiċi. Peress li nstabu ftit taż-żmien ilu dawn għadhom mhux ippublikati imma jidher ċar li ħafna minn dawn huma, jew kienu għadhom jintużgħu fi żmien Ruman, xhieda li f’din iż-żona kienet għaddejja attivita` kontinwa, li s’issa hija evidenzjata biss mill-oqbra li ħallew l-antenati tagħna.

Jeremy Azzopardi