L-Imgarr History

Dan ir-raħal, li tista’ tgħid, qiegħed bogħod bosta minn kull raħal ieħor, huwa maqtugħ għalih u jgawdi arja u kwiet liema bħalhom. Ir-raħal huwa żgħir, imdawwar minn kullimkien bir-raba’ u l-ħdura li ma jaqtgħu xejn matul is-sena. L-Imġarr huwa mdawwar mill-għoljiet ta’ Binġemma u tas-Santi fuq naħa u l-Pellegrin fuq l-oħra. Mal-Imġarr jagħmlu bosta mkejjen pittoreski, li mhux ħafif issibhom ħdejn l-ibliet. Dawn huma l-Imġarr ta’ Barra, l-Imġarr ta’ Ġewwa, Fomm ir-Riħ, l-Abatija, is-Santi, l-Iskorvit, il-Ġnejna, Il-Bokka taċ-Ċarċara, Ta’ Tewma, Ta’ Żuba, il-Lippija, il-Ġnien ta’ Għajn Tuffieħa, Ta’ Mrejnu, l-Iskorba, iż-Żebbiegħ, Binġemma u l-Ballut. Illum ħafna minn dawn l-irqajja m’ għadhomx dawk l-imkejjen imbiegħda, maqtugħin minn kulħadd iżda f’ bosta minn dawn il-postijiet inbnew villel u bosta bini modern.

Għalkemm raħal ċkejken u bi ftit nies, fil-qedem kellu ċivilta’ kbira li kienet tagħmlu jieqaf ma’ dawk l-irħula l-kbar li isimhom kien magħruf mal-qassisin il-kbar u l-bassara tal-oraklu. Biżżejjed insemmu t-Tempji ta’ Ħaġrat u ta’ Skorba biex ikollna ngħidu li l-Imġarr ma twelidx il-bieraħ iżda xi 6,000 sena ilu meta l-ebda belt Maltija ma kienet intħolmot biex tinbena. Dan mhux biżżejjed meta niftakru li kien imfittex fi żmien Neolitiku, fi żmien il-Lhud bħalma jixhdu l-għadd kbir ta oqbra f’ Binġemma u Villel Rumani f’ Għajn Tuffieħa.

Sa minn żmien bikri, l-Imġarr biddel bosta jdejn bħalma biddlu, tista’ tgħid, l-ibliet u l-irħula ta’ Malta kollha. Fil-bidu nsibu li Malta kollha kienet tiddependi mill-Kattidral u meta Mons. Demello sab għaxar knejjes benefikati bil-limiti tagħhom, hekk ukoll nsibu li kull raħal kellu ġurisdizzjoni fuq tant irħula oħra qribu. Għalhekk l-Imġarr fiż-żmien kien jagħmel mal-parroċċa tal-Mdina, iżda żmien wara waqa’ f’idejn il-Mellieħa. Mill-Mellieħa mbagħad għadda għan-Naxxar.

F’dan iż-żmien fl-Imġarr ġa kien hemm żewġ knejjes. Dawn iż-żewġ knejjes għexu kważi żewġ sekli flimkien sakemm il-poplu tal-Imġarr beda jikber u beda jħoss il-ħtieġa li hu ukoll għandu jkollu l-parroċċa tiegħu. Fuq talba lill-Isqof Pace, il-Knisja ta’ Santa Marija li diġa kien hemm fir-raħal saret parroċċa fit-12 ta’ Ottubru 1898.

L-Imġarr hu mdawwar b’xaqliba minnhom bil-baħar kaħlani u l-kosta tagħha hi waħda mill-isbaħ, meta tħares lejn il-peninsula u d-daħliet li fiha. F’Malta hawn għaxar peninsuli, u sewwasew l-aħħar waħda hi dik iż-żgħira mdawra b’daħlet Għajn Tuffieħa u Port Bakkari li x’uħud isejħulha tal-Qarraba. Din hija twila madwar 559 jarda, u wiesa’ madwar 100 jarda. Il-ponta li tispiċċa biha din il-peninsula jgħidulha Ras Qarraba. Wara l-peninsula tiġi daħlet il-baħar jew qala kif isejħulha bosta. L-ewwel ma nsibu hi Għajn Tuffieħa li tagħti lejn il-punent – tibda minn Ras Majesa għall-ponta tal-Qarraba- b’fetħa ta’ ftit anqas minn mil fuq daħla ta nofs ieħor ġo l-art minn għaxart iqjiem ‘l isfel. Insibu wkoll il-qala tal-Ġnejna għalkemm x’uħud isejħulha Port Bakkari jew ir-Ramla. Din tħares lejn il-Punent Majjistru – tibda’ bil-wisa’ ta’ 450 jarda, fuq daħla ta’ 400, bir-ramla l-oħra msejħa ta’ Bugħarwien li tagħti fond minn sebat iqjiem ‘l isfel. Fomm ir-riħ hi daħla jew ramla quddiem il-majjistral. Din tiftaħ b’1,100 jarda fuq tul ta’ 900 oħra – b’fond li jagħti 15- il qasma bejn il-pont, 10 fin-nofs u 3 fix-xatt sakemm tispiċċa fix-xejn.

Kif Beda Ismu

Fuq isem dan ir-raħal qisna ma għandna xejn x’ingħidu għaliex il-kelma weħidha turik xi tfisser. Mġarr –  hawn użata bħala nom proprju, iżda bħala nom komuni neħduha mill-etimoloġija tagħha tigi xi ħaga li ġie mġarr. Issib min jgħid li mġarr hu taħsira tal-kelma Maġira li aktarx tfisser ġirja. Għalkemm sibna dawn, insibu ieħor fejn qal li din il-kelma Għarbija li tfisser kenn. Sakemm qalu li tfisser Mġarr (passat ta’ ġġorr) nifhmuha u rridu naqblu, u antiki ma’ dak li tfisser kenn għaliex hi qala u fiha jistgħu jistkennu l-vapuri, imma ma narawx konnessjoni bejn mġarr u ġirja. Oħrajn jgħidu li Mġarr tfisser nixxigħat. Nixxiegħa tissejjaħ fis-singulari Maġra u Mġarr fil-plural, għalhekk Mġarr huwa isem ta’ għadd ta’ nixxigħat li naraw kullimkien fil-gżira. Oħrajn jgħidu li Mġarr tfisser port. Din tal-aħħar hi wisq probabbli minħabba l-Ġnejna (post li fih jinġarru x-xwieni). Fil-fatt jagħmel mal-Imġarr hawn post msejjaħ Mġarr ta’ Ġewwa – minħabba port ieħor żgħir ta’ Fomm ir-Riħ. Din probabbli għax ukoll il-Port ta’ Għawdex huwa wkoll msejjaħ l-Imġarr.

L-arma ta’ dan ir-raħal hi din; Skud ikħal maqsum fi tnejn b’faxxa fidda djagonali. F’ta’ fuq hemm M (nome di Maria) b’kuruna fuqha; t’isfel hemm stilla tal-fidda. Il-Motto huwa dan “Ave Regina Coelorum” – (Sliem għalik Reġina tas-Sema). Din l-arma kien ħażżiżha l-Kappillan Mons. Dun Edgar Salomone fl-1932 u tagħha kellu l-approvazzjoni tal-Isqof. Billi dan ir-raħal bħal bosta rħula oħra ma kellux arma, bil-permess tal-Kappillan Dun Orazio Vella qed nużaw lilha biex hekk ikollu arma li tixraqlu tassew. U sewwasew l-għan ta’ Mons. Salomone kien li tintuża bħala arma, kif kiteb hu stess taħtha.