Il-Fortizza ta’ Binġemma

Din il-Fortizza saret fl-1876 u tikkmanda kważi l-art kollha tal-punent ta’ Malta. Kont tidħol għaliha bil-pont bħall-fortizzi kollha antiki. Saret fi żmien il-gvernatur Straubenzee u swiet madwar it-Lm8,000.

Il-Madonna ta’ l-Ittra

F’Binġemma tinsab knisja benefiċjali li ġiet mibnija fis-seklu sbatax fuq l-irdum fuq l-oqbra Rumani. Din il-knisja żgħira mibnija taħt il-għolja fuq ir-riħ tal-ġnien ta’ Binġemma tal-werrieta ta’ Gio Maria Xara kienet iddedikata lil B. Marija Vergni ta’ Itria (Hodegitria fil-Grecja).  Il-bieb tagħha kien iħares lejn in-nofsinhar, kellha ċimiterju żgħir quddiemha li kien mizmum tajjeb; kont tidhol għalih b’erba tarġiet  tal-ġebel. Kellha artal tal-ġebel mastizz u fuqu kellu kwadru mpinġi fuq it-tila bix-xbieha tal-Madonna ta’ Konstantinopli. L-artal kellu żewġ trieħi, imma kien nieqes minn kollox; fuq il-lemin kien hemm armarju biex jitqiegħdu fih l-impolluzzi. Il-knisja kienet mdawla minn żewg twieqi, waħda fuq il-bieb u l-oħra fuq l-artal; l-art kienet tajba ħafna. Fuq il-bejt kellha qanpiena tal-bronż. Il-festa kienet issir bil-kant tal-għasar u bil-quddiesa kantata fit-tielet Ħadd wara l-Għid il-Ħamsin.

Ċimiterju Ruman – Għerien il-Lhud – Binġemma

Għadd kbir ta’ għerien-oqbra Feniċi imxerrdin ‘l hawn u ‘l hinn instabu fit-telgħa tad-Dwejra, waħda minn serbut għoljiet ta’ Binġemma, fuq it-tliet mili fil-punent tal-Mdina, fuq in-naħa l-oħra tal-Wied ta’ Binġemma, il-kappella ċkejkna tal-Madonna ta’ Hodegidria u t-triq ewlenija li tieħdok għall-Ġnejna u l-Imġarr ta’ Barra.

Dawn kollha, ġeneralment huma magħmula minn bosta għerien, saff wieħed fuq l-ieħor. Kull saff fih mogħdija dejqa għall-beraħ, u kull għar għandu ċ-ċellel fil-ġnub tiegħu, u kull ċella għandha d-daħla għaliha u tista’ tesa’ wieħed, tnejn u iżjed iġsma.

Il-pjan ta’ fuq l-għolja nstab ukoll mimli b’dawn l-għerien, li kienu għadhom preservati tajjeb, u nstabu mill-Kaptani Lewis u Fielden fl-1874, waqt ix-xogħol ta’ tkabbir tal-fortizza u l-linji ta’ Torri Falca. Ma ġie mogħti l-ebda avviż ta’ meta ġew misjuba, u b’hekk insteraq dak li kien fihom.

L-għolja kollha ta’ Binġemma u l-inħawi tal-qrib, is-Santi, l-Iskorvit, Wied Gerżuma, u bosta oħrajn huma miżgħuda b’dawn l-għerien – oqbra.

Dawn l-għerien fl-għolja tad-Dwejra kienu magħrufa min-nies tal-lok bħala Għerien il-Lhud.

Mill-isem, l-għadd, ix-xebħ perfett u d-distanza minn għar għall-ieħor, Fra Girgor De Domenicis u l-Konti Ciantar kienu tal-fehma li dan il-lok kien okkupat minn kolonja Lhudija, għaqda Lhudija li tħares sewwa l-liġi Możajka li riedu jgħixu weħidhom f’post imbiegħed. Fil-fehma ta’ Domeniċis, iċ-ċellel żgħar kienu d-djar tal-Maltin li ħaddnu l-liġi Możajka, u l-għerien kbar tondi kienu s-Semnion jew oratorji fejn kienu jiltaqgħu biex jitolbu.

Il-kelma popolari Lhud fiha nfisha mhux bilfors tfisser li l-post kien abitat minn kolonja Lhudija, bħalma kienet tgħid it-tfajla għal kull mafkar pagan.

L-għadd ta’ ġarrar u rqaqat oħra, miksuba mill-għerien-oqbra fl-istess għolja mir-Royal Engineers, waqt it-tqegħid tas-sisien tal-Fortizza- Torri Falca fl-1874, juru li kienu ta’ oriġinu Feniċju.

Barra minn hekk bil-kelma Għerien il-Lhud mhux biżżejjed biex tifhem li kienu oqbra Lhud, għaliex oqbra bħal dawn għandna, bl-isem ta ‘Kabar–el Lhwwd’ li bih hu magħruf iċ-ċimiterju qadim Lhudi fl-Imtarfa li fih, fi żmien il-Komm. Abela instabu għadd ta’ kaptelli bl-isem bil-Lhudi tan-nies midfuna taħthom.

Braun jgħid li dan hu ċimiterju Ruman għalkemm kien magħruf bħala Għerien il-Lhud.

Oqbra f’Binġemma

Fit-3 ta’ Ottubru, 1934 instab qabar f’għalqa msejħa ‘Tal-Maqbar’, in-naħa ta’ Binġemma. Fih instab xi fuħħar.