Il-kumpless ta’ Tar-Ragħad

Dan il-kumpless jara l-bidu tiegħu bħala ċimiterju Puniku-Ruman żgħir magħmul minn erba’ oqbra. Il-posizzjoni tiegħu fuq l-għolja li tħares fuq Wied iż-Żebbiegħ tidher li żżomm ma dawk li huma t-tradizzjonijiet tad-dfin Puniċi, li kienu spiss iħaffru l-oqbra mal-ġnub tal-widien.

Dawn l-ewwel oqbra jidher li kienu kollha ta’ għamla differenti. Il-qabar numru 33 kellu fossa rettangolari b’taraġ tul il-wisa` kollha tiegħu. Dan kien ukoll l-akbar qabar bi tlett ikmamar tad-dfin, waħda fuq kull naħa tal-fossa u waħda faċċata tat-taraġ. Kull kamra kellha mħadda mqatta` b’post għal żewġt irjus. Għalkemm il-kmamar tal-ġnub illum tqattaw mil-katakomba, partijiet minn dawn l-imħaded għadhom jidhru. Il-qabar 34 ukoll kellu fossa wiesgħa u rettangolari imma t-taraġ kien jieħu biss parti żgħira mill-wisa` tiegħu. Dan kellu żewġt ikmamar tad-dfin li tagħhom għad hemm il-fdalijiet tal-ġebel li kienu jagħlquhom. Il-qabar 36, minn naħa l-oħra kien ferm iżgħar, b’kamra waħda u fossa idjaq u itwal b’taraġ tul il-wisa` kollu tagħha. L-istudju tal-katakomba juri li kien hemm qabar ieħor fit-tarf tal-Kuritur A u hemm possibilta` tal-ħames qabar fit-tarf tal-kuritur B.

F’xi żmien qrib ir-raba` seklu W.K. il-fossa tal-qabar 33 intużat biex minnha titħaffer katakomba żgħira tipika ta’ dan il-perjodu fl-istorja Rumana tal-Gżejjer Maltin. Dan sar billi tħaffru żewġ kurituri wieħed fuq il-lemin u wieħed fuq ix-xellug, fejn oriġinarjament kien hemm iż-żewġ kmamar tad-dfin tal-qabar bikri. Dan fisser li ż-żewġ kmamar tkissru kważi kompletament. Il-kuritur ta’ fuq ix-xellug (A) huwa sempliċi, b’ żewġ oqbra biss. Ta’ min isemmi li meta din il-katakomba ġiet skavat mill Grupp Arkeoloġiku Malti bejn 1985 u 1986, Zammit isemmi tnaqqixa ta’ vaxxell mad-daħla ta’ qabar minnhom li llum m’għadux jidher.

Il-kuritur tal-lemin huwa iktar kumpless u joffri iktar x’tara. Fuq il-lemin tad-daħla ssib mejda tonda imnaqqxa fil-blat. Din tissejjaħ mejda Agape u kienet tintuża biex isiru ikliet kommemorattivi għall-mejtin midfunin hemm ġew. Jidher li din kienet parti importanti tal-katakomba u kienet dejjem tinstab fid-daħla ta’ katakombi Pagani jew Kristjani (qatt f’dawk Lhud). Apparti biex tintwera l-importanza tagħha, din il-mejda kienet issir fid-daħla tal-katakomba wkoll ħabba d-dawl u probabli wkoll biex ma tinxtammx ħafna mir-riħa li seta’ kien hemm.

Li din il-katakomba kienet waħda Kristjana jidher minn żewġ affarijiet importanti. L-ewwel minn dawn hu salib imnaqqax ġol qabar ta’ ħdejn il-mejda. Dan huwa stil Grieg, jiġifieri għandu t-truf li huma kolla ta’ l-istess daqs. It-tieni evidenza tiġi mid-dekorazzjoni ta’ waħda mil-lampi li nstabu fis-sit. Din turi l-monogramma chi-rho, simbolu li kien jintuża ħafna mill-Kristjani bikrija.

Jeremy Azzopardi