It-Tempji Ta` Ħaġrat

It-Tempji Ta` Ħaġrat, li jinsabu fil-qalba ta` l-Imġarr qrib il-Knisja Parrokkjali, jagħtu xhieda ta’ l-eqdem fażijiet ta` bini megalitiku fil-Gżejjer Maltin u jagħmlu parti mis-sitt siti megalitiċi mniżżla fil-lista ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.

Dan is-sit jikkonsisti f’żewg binjiet megalitiċi biswit xulxin, mibnijja kollha kemm humaminnħaġar kbir maqtugħ mill-ġebla tal-qawwi. Il-binja prinċipali, jew, it-Tempju tal-Punent, hija l-eqdem minn dawn it-tnejn, u tmur lura għas-sena 3600 QK, jiġifieri għall-bidu tal-fażi tal-Ġgantija. Hija mibnija bi tlett apsidi (kmamar forma ta` nofs tond), waħda kullnaħata’ tlieta mill-erbat iġnub ta` wesgħa rettangolari fin-nofs tat-Tempju. Fuq in-naħa l-oħra ta` din il-wesgħa hemm id-daħla prinċipali tat-Tempju, li tasal għaliha permezz ta` taraġ. Din id-daħla, kif ukoll, il-faċċata monumentali huma uħud mill–karatteristiċi l-iżjed partikolari u magħrufa ta’ din il-binja. Parti mill-kamra tal-Lvant ta` dan it-tempju, twaqqgħet wara xi żmien, sabiex setgħet tinbena struttura oħra, fil-fażi magħrufa bħala dik ta` Saflieni (3300-3000 QK). Din il-binja, hija iċkenminnta` qabilha u mibnija b’erba` kmamar żgħar madwar kuritur qasir li jagħti mid-daħla tal-binja, dritt għall-kamra tan-nofs. Kien propju f’din il-binja li, waqt l-iskavi ta’ bejn l-1923 u l-1926, taħt id-direzzjoni ta` Temi Żammit, saru tlieta mill-iżjed sejbiet kurjużi f’dan is-sit. Fost dawn hemm il-mudell ċkejken ta` binja, maħdum mill-ġebla tal-franka. Dan jagħtina ħjiel ta’ kif setgħu kienu imsaqqfa it-tempji, oriġinarjament.

Tajjeb ngħidu li dan is-sit instab fl-1917, meta xi ħadd irrapporta lil Temi Żammit li kien hemm xi ġebel kbir f’għalqa magħrufa bħala ‘Ta` Ħaġrât’. Dan kien fiż-żmien meta Temi Żammit kien attiv ħafna bħala wieħed mill-pijunieri tal-arkeoloġija Maltija, u dan mill-ewwel ħass il-ħtieġa li jistudja dan is-sit. Kien biss sitt snin wara,li bdew l-iskavi li wasslu sabiex jinstabu dawn it-Tempji preistoriċi. F’dak iż-żmien kien ukoll beda x-xogħol fuq il-bini tal-Knisja Parrokkjali u kien għalekk li ħafna mix-xogħol f’Ta` Ħaġrat sarminnħaddiema Mġarrin.

Illum, dan is-sit mhux biss għadu għal qalb il-komunita` Mġarrija, iżda qed jingħaraf ukoll bħala ġawrha oħra tal-wirt Malti. Heritage Malta, b’kollaborazzjoni mal-kunsill lokali, qed tistudja u tipproteġi dan is-sit, filwaqt li tiżgura li kemm il-Maltin kif ukoll il-barranin, ikunu jistgħu jibqgħu jgawdu dan is-sit illum u fil-futur.

Iona Muscat