It-Tempji ta’ Skorba

Fl-inħawi magħrufa bħala “iż-Żebbiegħ”, fil-limiti tal-Imġarr, insibu l-għolja ta` Skorba. Sa mill-1914, f’għalqa f’din iż-żona, kienet innutata ġebla kbira wieqfa li ssejħet ‘il-menħir ta` Skorba’. Fl-1937, il-kuratur tal-Mużew, Charles Zammit, studja l-inħawi tal-madwar u sab għadd ta` bċejjeċ ta` fuħħar preistoriku. Dan qajjem suspett li taħt il-wiċċ ta` l-art seta` kien hemm mirdum xi fdal ta` tempju preistoriku.

Mal-bidu tas-snin sittin, kien l-arkeologu David Trump li, bl-għajnuna ta` ħaddiema tal-gvern u nies tal-lokal, beda l-iskavi u l-istudji xjentifċi ta` dan is-sit. Ix-xogħolminnkmieni wera` l-potenzjal kbir li kellu dan il-post, grazzi għas-sejbiet li saru u li ssarrfu fl-ewwel evidenza ta` tempju megalitiku. L-iskavi damu għaddejjin fuq erba` snin, li matulhom baqgħu jiżdiedu s-sejbiet u l-valur arkeoloġiku ta` Skorba. Bla dubju ta` xejn, l-importanza tas-sit ta` Skorba kibret ferm meta, mhux biss instabu fdalijiet ta` żewġ tempji megalitiċi, iżda wkoll pedamenti ta` għerejjex li fihom kienu jgħammru in-nies li bnew dawn it-tempji, u oħrajn qabilhom. Evidenza li nstabet marbuta ma dawn l-għerejjex, xeħtet dawl fuq ir-riżorsi li bihom kienu jgħixu n-nies tal-preistorja, speċjalment il-ħxejjex li kienu jkabbru u l-bhejjem li kienu jrabbu sabiex ikollhom x’jieklu. Fost dawn insibu tliet tipi ta` ċereali kif ukoll baqar, ngħaġ u ħnieżer. Fdalijiet oħra ta` bini f’dan is-sit saħansitra jmorru iktar lura u għalhekk jagħmlu lil Skorba xhiedha ta` l-eqdem binjiet fuq dawn il-gżejjer.

Metawieħed iżur is-sit ta` Skorba, illum jara l-fdalijiet ta` żewġ tempji, wieħed eqdem mill-ieħor. Dak l-iktar antik, inbena f’forma li tixbah lil dik ta` l-eqdem tempju f’Ta` Ħaġrat, jiġifieri bi tlett ikmamar forma ta` nofs tond li tidħol fihomminnwesgħa rettangolari fiċ-ċentru tat-tempju. Dan it-tempju jmur lura għall-eqdem fażi ta bini megalitiku f’Malta, jiġifieri bejn it-3600 QK u it-3300 QK (fażi tal-Ġgantija). Fuq in-naħa tal-Lvant ta` din il-binja, hemm il-fdalijiet ta` tempju ieħor, b’erbat-ikmamar – tnejn fuq kullnaħata` passaġġ ċentrali. Din it-tieni binja nbniet fil-fażi ta` Tarxien (3150 – 2500 QK), għalhekk hija iżjed riċenti, minkejja li fadal inqas minnha meta tqabbilha ma l-ewwel tempju.

Fl-1992, it-tempji ta` Skorba, flimkien ma dawk f’Ta` Ħaġrat, Ħal-Tarxien, Ħaġar Qim u l-Imnajdra, żdiedu mal-Ġgantija bħala parti mis-sitt siti rikonoxxuti bħala it-‘Tempji Megalitiċi ta`Malta’ fil-lista ta` Wirt Dinji tal-UNESCO. Fi kliem Trump innifsu, Skorba ‘mhux talli huwa sit importanti daqs it-tempji l-oħra għad-dawl li tefa` fuq il-preistorja kollha taMalta, iżda huwa iktar importanti mis-siti l-oħra kollha f’daqqa’. Għaldaqstant, is-sit preistoriku ta` Skorba, huwa tabilħaqq sit uniku u ta` preġju mux biss għar-raħal ta` l-Imġarr, iżda għall-istorja kollha ta` dawn il-gżejjer.

Iona Muscat