Is-Silos fi Triq il-Palma tħaffru fis-sena 1965, minħabba tgħeddida tal-Gwerra Kiesħa tal-Lvant Nofsani, bejn ir-Russja u l-Amerika.
Dak iż-żmien tħaffru tmien mtieħen tal-qamħ (Silos), sebgħa f’Malta u waħda f’Għawdex. Ħadmu fit-tħaffir kemm residenti tal-Imġarr kif ukoll nies barranin.
Sas-sena 1973 il-Mitħna tal-Palma kienet miżmuma f’kundizzjoni tajba u funzjonanti. Kien hemm ordinanza mill-Gvern biex ħaddiema f’dawn is-silos biss ikunu jistgħu jidħlu fihom, biex ħadd ma jgħaddi nformazzjoni lill-ispiji tal-għadu. Il-Gvern ta’ dak iż-żmien iddeċieda li dawn ma jibqgħux jitħaddmu minħabba li kien għali mmens biex dawn jitħaddmu.
Dawn is-silos qatt ma ħaddmu biex jitħnu l-qamħ għall-produzzjoni ħlief sabiex isir si manutenzjoni ta’ rutina ħalli jkun aċċertat li dawn għadhom funzjonanti.
Fl-2005 reġa’ sar xi xogħol fuq din il-mitħna, din id-darba permezz tal-Kunsill Lokali li ddeċieda li jirrestawraha sabiex terġa’ lura għall-istat oriġinali tagħha. Sar xogħol estensiv fuq l-elettriku u fis-16 ta’ Frar 2006, is-sindku Paul Vella u l-kunsilliera tar-raba’ leġislatura reġgħu fetħu l-mitħna għal-pubbliku. Il-plakka commemorattiva inkixfet u bosta viżitaturi kellhom l-opportunita’ li jżuru l-kmarar sotterranji li hemm ġewwa il-mitħna.