Il-banjijiet Rumani (jew aħjar, il-fdalijiet tagħhom) jikkonsistu fi grupp ta’ strutturi b’możajċi u pavimentar, li flimkien joħolqu kumpless ta’ ’Thermae’ Rumani, jew Banjijiet Rumani. .
Il-kumpless jinsab f’post imsemmi ’Ġnien il-Larinġ’, minħabba in-numru kbir ta’ siġar tal-larinġ li kienu, u għadhom f’ċerti għelieqi, jikbru f’din il-parti tal-wied. Il-wied huwa wieħed fertili, b’ħamrija fonda tistrieħ fuq saff iktar fond ta’ tafal. Filfatt, minn dan il-wied jgħaddi ammont kbir ta’ ilma, illum iddevjat għal taħt l-art, li joħroġ mill-għajn imsejħa Għajn Tuffieħa.
Is-sejba
Fl-1929, Temistokle (Temi) Żammit kixef għall-ewwel darba wara kważi żewġ millennji il-kumpless ta’ Banjijiet Rumani ta’ Għajn Tuffieħa. Is-sejba saret waqt xi xogħlijiet tal-’Water Works’, meta madum tal- perjodu Ruman beda’ tiela’ wara li dawn niżlu madwar metru taħt wiċċ il-ħamrija.
Fix-xhur xotti tal-1929, Żammit, flimkien ma’ tmien ħaddiema oħra skava b’mod superfiċjali żewġ għalqiet; neħħa ħamrija, ġebel u siġar tat-tin, u b’hekk reġa’ kixef il-fdalijiet tal-banjijiet kif nafuhom illum.
Żammit iddata il-kumpless għal bejn l-ewwel u t-tieni seklu W.K. Mill-fdalijiet li nkixfu Żammit għaraf li s-sidien oriġinali ta dawn il banjijiet kienu nies ta’ gosti raffinati u sinjuri . Is-sejbiet, kienu jinkludu pavimenti b’możajk (li għadu jidher fis-sit), kontenituri tal-ħġieġ, biċċiet tal-irħam, kisi impinġi u fuħħar.
Biż-żmien, possibilment fil-medjuevu bikkri, dan il-kumpless ma baqax jintuża u intradam bil-ħamrija. Jista’ jkun li s-sit intradam bil-ħamrija biex jintuża għal-skopijiet ta’ agrikoltura. Il-ġebel li kien baqa’ –il fuq mill-wiċċ tal-ħamrija inqala’ minn min kien jaħrat dawn l-għeliqi.
Dan is-sit ġie maħrut għal-zmien twil u dan wassal biex il-materjal illi kien jinsab fil-wiċċ tfarrak u ntilef – filfatt, mqabbel ma’ siti oħrajn ta’ din l-epoka, ftit instab materjal. Is-siġar tat-tin ukoll għamlu il-biċċa tagħhom.
Waqt l-iskavi oriġinali inkixfu wkoll traċċi ta’ attivitajiet iktar reċenti fis-sit, fi żmien meta s-sit kien diġa sar ħerba. Traċċi ta’ kalkara tal-ġir instabu, b’ġebel (possibilment riutiliżżat – Zammit ma jsemmix) b’sinjali ta’ ħruq qawwija fuqhom u ġir magħqud magħhom. Din il-kalkara ġiet imniżżla u mneħħija. Interessanti wkoll li Zammit isemmi li sab traċċi ta’ ’hypocaust’ (is-sistema li ir-rumani kienu jużaw biex isaħħnu l-art) ieħor għan-nofsinhar tal- hypocaust eżistenti, mit-traċċi ta’ pavimentar b’madum kbir, għal ammont ta brikk, kif ukoll ħafna traċċi ta’ rmied u ġir. Jekk dan it-tieni ipokawst kienx imiss mal-ewwel wieħed (li għadu jidher sa llum) ma hux ċar mir rapport ta’ Zammit. Jidher pero’ immarkat ‘tepidarium’ fi pjanta li saret fis-snin disgħin.
Il-kumpless
Jidher ċar l-użu tal-ilma bin-numru ta’ kanali, ħwat u pixxini (il-frigidarium (I) – jew ‘cold dipping pool’ u in-natatio (V), jew pixxina). Apparti il-kanali tal-ġebel (-il fuq minn area G) instabu wkoll tubi taċ-ċomb f’diversi partijiet tal-kumpless. Dak li llum insejħulu apodyterium (H), jew kamra tat-tibdil tal-ħwejjeġ, iżda li seta’ wkoll kien tepidarium, jew kamra b’arja sħuna (skond Trump fis-sebgħinijiet) għandu wkoll ‘plug’ tal-irħam b’toqba fin-nofs fejn jinġabar l-ilma, li probabilment kien jinżel minn tubi taċ-ċomb għal ġewwa l-wied.
Hemm ukoll evidenza ċara tal-użu ta’ arja sħuna fil-’caldarium’ (K), jew kamra b’arja sħuna u fwar, b’arkati li kienu jaqtgħu il-paviment mill-art, u li kienu jħallu spazju għall-arja sħuna biex tgħaddi minn taħt il-paviment biex issaħħan l-arja tal-kamra. Dan il-paviment maqtugħ (f’dan il-każ) bl-arkati jissejjaħ ipokawst (hypocaust), jew ‘ħruq minn taħt’, li jindika li d-dħaħen u l-arja sħuna ta’ nar fi spazju imqabbad mal-kamra kienu jgħaddu minn taħt l-art, bħal f’ċumnija oriżżontali.
Fi żmien Żammit, eżatt taħt (fin-nofsinhar) il-’caldarium’, kien hemm traċċi oħrajn ta’ ipokawsta (Hypocaust) li probabilment kienu jintużaw għat-’tepidarium’. Illum ma fadalx traċċi tat-tepidarium fil-wiċċ tal-ħamrija, iżda jista’ jkun hemm fdaijiet li għadhom ma nkixfux iktar l’isfel. Mappa ta’ ’survey’ ġenerali tas-snin disgħin turi li xi fdalijiet tal-ipokawst kienu għadhom visibbli sa dak iż-żmien. Illum ma jidhrux traċċi ta’ fdalijiet tal-wiċċ. Interessanti li filwaqt li Żammit isemmi il-possibilta’ ta’ ipokawst ieħor fin-nofsinhar ta’ dak eżistenti, ma jidhirx immarkat fil-pjanti originali tiegħu.
Interessanti huma il-forica (M), li kienu il-latrini komunali. Illum parti mill-kamra hija rikostruzzjoni, iżda parti sostanzjali għadha oriġinali.
Hemm numru ta’ kmamar żgħar (A-F) li probabilment kienu jintużaw għall-mistrieħ, bħala kabini żgħar matul kuritur. Dawn il-kmamar kellhom paviment tal-mużajk, li għadhom f’kundizzjoni tajba sa llum. Dawn il-kmamar kienu konnessi mal-kumpless b’passaġġ pavimentat b’madum żgħir forma ta’ djamant.
Is-sit ma nkixifx kollu, u ħafna partijiet għadhom ma ġewx investigati għal kollox, anke fejn huma mikxufin. Skavi li saru fit-tmeninijiet kixfu, fost affarjiet oħrajn, pavimenti mpoġġijin wieħed fuq l-ieħor, indikazzjoni li s-sit ġie użat għal żmien twil biżżejjed li kien hemm bżonn li jsir tibdil sostanzjali. Ħafna pedamenti ta’ ħitan għadhom jidhru sa llum fil-wiċċ tal-ħamrija– kmamar u ħitan li ma nafux x’użu kellhom. Ħitan oħrajn huma mikxufin, iżda l-użu tagħhom mhux magħruf. Hemm indikazzjonijiet ta’ ħitan barra mis sit, iżda għal darb’oħra, l-użu tagħhom mhux magħruf. Ta’ min jinnota illi l-ħajt li jagħlaq is-sit, li nbena fil-1956, huwa wieħed arbitrarju. Ma’ nafux, fil-verita’, l-estent tas-sit.
It-’Thermae’ Rumani kienu attrazzjoni popolari f’dawk iż-żminijiet, fejn wieħed kien imur biex jistrieħ, jissoċjalizza. Dawn il-kumplessi jinstabu, f’varjeta’ ta’ forom, imferrxa mal-Imperu Ruman kollhu, mill-Bulgarija sal-Ingilterra, mill-Eġittu sa Spanja.
Ma nafux jekk il-banjijiet Rumani ta’ Għajn Tuffieħa kienux post pubbliku jew jekk kienux kumpless privat. Ħafna drabi, f’post tal-kampanja bħal fejn kien jinsab dan il-kumpless, il-banji kienu jkunu parti minn xi villa residenzjali, fi kliem ieħor dar tal-kampanja ta’ xi familja sinjura. Iżda fil-każ ta’ dan il-kumpless, s’issa għadha ma nsabet l’ebda villa. Il-kumpless jidher li huwa wieħed żgħir wisq biex ikun kumpless pubbliku. Il-mod kif inhu mifrux jagħtina wkoll x’naħsbu illi kien wieħed privat. Banjijiet pubbliċi tal-Era Imperjali u Repubblikana kienu jkunu, ħafna drabi, fuq skala ikbar, u ħafna drabi ppjanati (maħsuba u mfassla fuq pjan simmetriku) b’mod simmetriku, u b’sezzjoniiet separati għall-irġiel u għan-nisa (mhux dejjem pero’).
Żammit kiteb li jekk il-banjijiet kienu binja muniċipali ta’ l-Imdina (il-belt ewlenija ta’ dak iż-żmien), allura ma kienx hemm għajn ta’ ilma kbira biżżejjed iktar qrib il-belt. Il-fatt illi fiż-żona kienu nstabu wkoll biċċiet ta’ fuħħar ta’ żmien il-bronż juri li l-għajn setgħet kienet tintuża minn nies ta’ dawk iż-żminijiet ukoll.
Żammit jaqleb fehmtu f’rapport ieħor li għamel bħala parti mir-rapporti annwali tal-muzew fejn huwa jikteb li possibilment dan il-kumpless kien parti minn villa residenzjali. Din il-villa, pero’ għadha ma nstabitx.
Storja Reċenti tas-Sit
Bosta interventi ta’ restawr saru fuq is-sit, speċjalment fuq in-numru ta’ mużajk u pavimenti li fuq il-pjanta huma markati bħala A-H u J.
Fis-sebgħinijiet, Dr. Milorad Medic mill-Yugoslavia intbagħat Malta mil-UNESCO fuq proġett ta konservazzjoni tal-mużajċi ta’ bosta siti, fosthom dawk tal-banjijiet rumani t’Għajn Tuffieħa, kif ukoll biex jipprepara rapport iktar iddettaljat dwar x’setgħa jsir biex dawn jiġu ippreservati.
Iktar restawr sar fuq is-sit fl-1978, meta M.A. Eshebani, restawratur Libjan, ġie Malta bil-għan li jirrestawra il-możajk tal-banjijiet rumani.
F’Mejju 2012, investigazzjonijiet arkeoloġiċi bdew, u għadhom ghaddejjin, fuq is-sit bil-għan illi jitfgħu iktar dawl fuq dan is-sit hekk importanti. L-investigazzjonijiet ħa jgħinuna nifhmu aħjar x’instab fl-iskavi tat-tmeninijiet, kif ukoll biex jitnaddfu u jinkixfu partijiet ġodda tas-sit. L-informazzjoni tingħaqad kollha f’rapport u analiżi dettaljata u xjentifika biex għall-ewwel darba is-sit ikun iddokumentat b’mod sħiħ. L-għan huwa li d-dokumentazzjoni tal-investigazzjonijiet issir b’mod dettaljat u komplet, biex il-ġenerazzjonijiet li jiġu warajna jkunu jistgħu jgawdu mix-xogħol tagħna.
Jeremy Azzopardi