Tul it-triq lejn ir-Rabat, fiż-żona magħrufa bħala ta’ Binġemma hemm ammont sostanzjali ta’ katakombi (jew ipoġej) żgħar imħaffra fil-blat ta’ ġenb wieħed tal-wied. Dawn huma mqassma f’sensiela ta’ fillieri b’mod li ma jistab imkien iktar f’Malta.
Dan is-sit ilu magħruf sa mis-seklu tmintax pero’ qatt ma ingħata attenzjoni u ġarrab ammont konsiderevoli ta’ ħsara u mutilazzjoni. Fil-fatt, sa minn meta ssemma l-ewwel darba minn Ciantar fl-1772, ħafna minn dawn l-oqbra insterqilhom kull ma kien hemm fihom filwaqt li xi wħud minnhom intużaw bħala għerien trogloditiċi (jiġifiri li fihom kienu jgħixu n-nies) jew biex jinżammu l-annimali. Dan fisser li ħafna minnhom tqattgħu u ġew alterati biex jakkomodaw l-esiġenzi l-ġodda ta’ min kien jagħmel użu minnhom.
Il-kumpless illum huwa maqsum fi tnejn mill-Victoria Lines, ħajt difensiv li nbena` fl-1874 flimkien mal-forti tad-Dwejra (li wkoll għattiet xi oqbra) u bħalissa huma aċċessibli biss xi tletin ipoġew fuq naqa waħda tal-ħajt. L-oqbra li jinsabu fuq in-naħa l-oħra tal-ħajt huma fi propjeta` privata hu mhumiex fi stat ta’ preservazzjoni tajba. Sfortunatament, it-telqa li inżammu fiha għal deċennji sħaħ, kif ukoll is-serq kontinwu tal-fdalijiet sa minn meta nstabu jfisser li l-informazzjoni li għandna u li nistgħu nagħtu fuqhom hija minima. Filfatt, mill-materjal li seta` nstab fihom, ma hemm xejn fil-kollezzjonijiet Nazzjonali. Iċ-ċans hu li ħafna minn dawn l-affarijiet spiċċaw fil-kollezzjonijiet privati. Fost dawn hemm mas-sitt ponot ta-lanez li llum jinstabu fil-kollezzjoni tal-British Museum ġewwa Londra. Mhux sorpiża li dawn inxtraw mill-Mużew ta’ Londra mingħand kollezjonist privat. Jekk dawn il-fdalijiet ta’ lanez vera nstabu f’wieħed mill-oqbra ta’ dan is-sit, ikunu l-unika fdal ċert ta xi forma ta’ suldat jew ġellied li qatt instagħbet s’issa f’kuntest Ruman ġewwa Malta.
Jeremy Azzopardi