Raddi (Cart Ruts)

Fost l-aktar karatteristika arkejoloġika komuni fl-Imġarr insibu r-raddi, jew kif inhuma magħrufa, cart ruts. Għalkemm dawn jinstabu f’mill-inqas 11 il-sit fiż-żona, għad m’hemmx qbil bejn l-istudjużi fuq dawn kif saru u għalxiex kienu jservu. Forsi dawn kienu jintużaw biex jiġi maqbud l-ilma għall-għelieqi? Jew forsi kienu jintużaw biex minn fuqhom jgħaddu karettuni jew tip ta’ transport ieħor? Ħafna mill-istudjużi jidhru li qed jaqblu fuq din tal-aħħar. Fil-fatt, dawn ir-raddi dejjem jinstabu f’pari, u f’wisa’ li dejjem tibqa’ bejn wieħed kostanti. L-aktar teorija li hemm qbil fuqha hi li dawn saru minn karettuni jew mezzi simili biex jiġu trasportati oġġetti minn post għall-ieħor. Eżatt bħal ma’ nużaw it-toroq asfaltati li għandna.

Ħaġa oħra li ma tantx hemm qbil fuqha ijja kif dawn saru u it-teoriji fuq din iduru madwar tlett possibilitajiet. L-ewwel waħda hi li dawn saru weħidhom permezz tar-roti ta’ karettuni jew truf ta’ sledge carts, li kienu dejjem jgħaddu mill-istess post. Minn-naħa l-oħra, hemm min jgħid li dawn fil-bidu ġew imnaqqxa bħala alternattiva għal toroq u spiċċaw twessgħu u niżlu iktar fil-fond bl-istess bl-użu kontinwu u fit-tul. Finalment, hemm ukoll min jgħid li dawn saru minħabba reazzjoni kimika li għaddiet minnha l-ħamrija meta ġiet imballta mill-karettuni, li għenet biex f’dak il-post il-ġebla ittieklet iktar malajr.

Punt ieħor ta’ disgwit huwa fuq l-eta’ ta’ dawn ir-raddi, jiġifieri iż-żmien meta dawn ġew iffurmati u użati. Mit-teoriji kollha li hemm bħalissa hemm tlieta li għandhom bażi iktar soda u li qed iqanqlu dibattitu sħiħ fuq din il-kwistjoni. L-ewwel minn dawn hi li dawn kienu iffurmati minn nies ta’ Żmien il-Bronż, speċjalment ħabba l-fatt li xi wħud jidhru konnessi ma siti arkejoliġiċi ta’ dak iż-żmien, bħal per eżempju l-villaġġ ta’ Borġ in-Nadur. It-tieni teorija hi li dawn kienu ġew użati mir-Rumani f’Malta, speċjalment għall-konnesjoni ta’ xi wħud ma’ siti arkejoliġiċi, speċjalment ma barrieri ta’ dik l-epoka, li għalhekk jista’ jindika li kienu użati għall-ġarr tal-ġebel. Fl-aħħar nett, hemm it-teorija li dawn ir-raddi kienu jintużaw biex jiffaċilitaw it-trasport minn post għall-ieħor fuq blat imħarbat u xagħri fi żminijiet differenti. Dan minħabba l-fatt li, apparti l-evidenza li ġew użati kemm fi żmien il-bronż u kif ukoll fiż-żminijiet klassiċi, jinstabu raddi aktar riċenti, li juru kif dawn kienu joffru soluzzjoni sempliċi u li tiswa inqas.

Fl-Imġarr ir-raddi jinstagħbu f’mill-inqas 12-il żona:

Żebbiegħ
Ta’ Sejkla
Xagħra tat-Tombu
Binġemma
Ta’ Garibaldi
Ta’ Mrejnu / il-Palma
Tal-Faċċol
Dar il-Ħamra
Tal-Qanfud
Xagħriet ta’ Fraxku
Tar-Ragħad
Ta’ Darrenzi

Jeremy Azzopardi